Il-kanċer tal-musrana huwa magħruf bħala kanċer tal-kolon, rettali jew kolorettali. Ir-rita tal-musrana hija magħmula minn ċelloli li l-ħin kollu jiġġeddu. Kultant dawn iċ-ċelloli jikbru malajr wisq, u jifformaw gozz ċelloli magħruf bħala polip tal-musrana (kultant jissejjaħ adenoma). Il-polipi mhumiex kanċers tal-musrana (normalment ikunu beninji), iżda jistgħu jinbidlu f’kanċer malinn fuq perjodu ta’ snin. Kanċer malinn huwa meta ċ-ċelloli tal-kanċer ikollhom il-ħila li jinfirxu lil hinn mis-sit oriġinali u f’partijiet oħrajn tal-ġisem. Meta l-kanċer jibda jiżviluppa, tipikament ma jkun hemm ebda sintomu għal bosta ġimgħat jew xhur, u f’ċerti każijiet anki iktar. Imbagħad, hu u jagħmel il-progress il-kanċer, is-sintomi inizjali komuni jinkludu fsad mir-rektum (passaġġ ta’ wara), bidla fid-drawwiet tal-bżonnijiet tiegħek (pereżempju, episodji twal ta’ dijarea), u anemija, li jistgħu jwasslu għal għeja.
Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa huma f’riskju li jiżviluppaw kanċer tal-musrana. Fl-Unjoni Ewropea, il-kanċer tal-musrana huwa t-tielet l-iktar kanċer komuni u t-tieni kawża ewlenija ta’ mwiet minħabba l-kanċer, b’iktar minn 345,000 każ ġdid u 150,000 mewta stmati fl-2012. Madwar persuna minn kull 20 fl-Unjoni Ewropea se tiżviluppa kanċer tal-musrana matul ħajjitha. Madwar 8 minn kull 10 persuni li huma dijanjostikati bil-kanċer tal-musrana għandhom iktar minn 60 sena. Madwar 5 minn kull 10 persuni dijanjostikati bil-kanċer tal-musrana sejrin imutu minħabba l-marda; ir-riskju tal-mewt jonqos jekk il-kanċer jinqabad fl-iskrinjar.