Il-ħsara jew ir-riskji jistgħu jirriżultaw mit-twettiq tat-test ta’ skrinjar jew minn testijiet addizzjonali meħtieġa sabiex jiġu ċċarati r-riżultati anormali ta’ test ta’ skrinjar, u mit-trattament tal-leżjonijiet li jinstabu bl-iskrinjar.
It-testijiet ta’ skrinjar mit-test tad-demm okkult tar-rawt (FOBT) u t-test immunokimiku tar-rawt ma jinvolvux uġigħ u huma sikuri. Madankollu, l-FOBT jew il-FIT jistgħu jsibu demm fir-rawt tiegħek li ma jkunx marbut ma’ kanċers tal-musrana jew polipi. Jekk jinstab id-demm fir-rawt tiegħek, sejrin joffrulek testijiet oħrajn bil-kolonoskopija (ara “Kolonoskopija ta’ segwitu” hawn taħt). In-nies li jintbagħtu għal iktar testijiet minħabba riżultati anormali minn test ta’ skrinjar jgħaddu xi kultant minn perjodi ta' ansjetà, iżda s-soltu dan ma jdumx wisq.
Ħafna pazjenti jgħaddu minn ċertu grad ta’ skumdità jew uġigħ bis-sigmojdoskopija flessibbli, iżda inqas milli bil-kolonoskopija. Kumplikazzjonijiet ħfief (dardir, ħass ħażin jew sturdament, jew uġigħ fl-addome) iseħħu f’sigmojdoskopija flessibbli waħda minn kull 150. Kumplikazzjonijiet kbar, inkluż fsad qawwi jew qatgħa fil-ħajt tal-musrana, iseħħu f’madwar sigmojdoskopija flessibbli waħda minn kull 3,000. Uġigħ kbir eżatt wara l-eżami jseħħ f’madwar pazjent wieħed minn kull 50.
Bħall-iskrinjar bl-użu tal-FOBT guaiac jew l-FIT, eżami anormali ta’ skrinjar jeħtieġ iktar testijiet bil-kolonoskopija (ara “Kolonoskopija ta’ segwitu” hawn taħt).
Ħafna pazjenti jesperjenzaw tal-inqas xi grad ta’ skumdità jew uġigħ bil-kolonoskopija. It-tħejjia tal-musrana bil-lassativi (jiġifieri t-tħejjija meħtieġa qabel ma tmur għall-kolonoskopija) ġeneralment titqies li hija l-agħar parti tal-proċedura. Il-kolonoskopija ta’ skrinjar tevita l-bżonn ta’ eżami ieħor f’ħafna każijiet li fihom jinqabdu polipi jew kanċers żgħar għaliex tkopri wkoll in-nofs fuqani tal-musrana. Fl-Unjoni Ewropea ġew irrapportati kumplikazzjonijiet kbar f’madwar 1 sa 5 eżamijiet minn kull 1,000 li jsiru. Il-kumplikazzjonijiet huma iktar probabbli fil-kolonoskopiji li fihom jinstabu u jitneħħew polipi. F’każijiet rarissimi, il-kolonoskopija tista’ twassal għall-mewt.
Il-kolonoskopija ta’ segwitu hija kolonoskopija li ssir bħala segwitu għal riżultat anormali minn FOBT guaiac jew FIT sabiex jiġi kkontrollat in-nofs fuqani tal-musrana f’nies b’riżultati anormali wara skrinjar bis-sigmojdoskopija. Tinvolvi riskji kemxejn ogħla ta’ kumplikazzjonijiet mill-kolonoskopija ta’ skrinjar, minħabba probabbiltà ogħla li jinstabu u jitneħħew polipi jew kanċers. Ħafna mill-polipi mneħħijin matul l-iskrinjaw ma kinux isiru kanċer matul il-ħajja ta’ persuna, iżda impossibbli tbassar liema polipi sejrin jiżviluppaw f’kanċer. Fl-Ewropa ġew irrapportati kumplikazzjonijiet kbar f’madwar kolonoskopija ta’ segwitu waħda minn kull 200. Hemm riskju ikbar ta’ kumplikazzjonijiet mill-kirurġija jekk il-polip jew il-kanċer ma jkunx jista’ jitneħħa b’kolonoskopija. F’każijiet rarissimi (f’eżami wieħed minn kull 10,000), il-kolonoskopija tista’ twassal għall-mewt, iżda n-numru ta’ mwiet minħabba l-kanċer tal-musrana evitati bl-iskrinjaw huwa ferm ikbar.