L-iskrinjar għandu l-għan li jaqbad il-kanċer tal-musrana (jew kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal kanċer tal-musrana) fi stadju bikri, meta jkun hemm probabbiltà tajba li t-trattament se jirnexxi. Hemm żewġ metodi ta’ skrinjar għall-kanċer tal-musrana:
- Test għad-detezzjoni ta’ traċċi tad-demm fir-rawt tiegħek – it-test tad-demm okkult fir-rawt.
- Eżami tal-ġewwieni tal-musrana bi proċedura msejħa kolonoskopija jew sigmojdoskopija flessibbli.
It-test tad-demm okkult fir-rawt (FOBT) huwa test bijokimiku li jista’ jaqbad ammonti żgħar ta’ demm fil-kampjuni tad-demm; l-ammonti tant ikunu żgħar li ma tarahomx b’għajnejk (“demm okkult” tfisser “demm mistur”). Dan huwa l-iktar metodu użat spiss ta’ skrinjar għall-kanċer tal-musrana fl-Unjoni Ewropea. Hemm żewġ tipi ta’ FOBT: l-FOBT guaiac u l-FOBT immunokimiku (imsejjaħ ukoll it-test immunokimiku tar-rawt, FIT). Iż-żewġ tipi ta’ testijiet ivarjaw f’kif iridu jinġabru u kif inhuma analizzati l-kampjuni tar-rawt. Tista’ tagħmel l-FOBT guaiac jew l-FIT fil-privatezza ta’ darek. Il-kitt tal-iskrinjar jipprovdi mod sempliċi kif tiġbor kampjuni żgħar tal-bżonnijiet tiegħek. Il-kampjuni jridu jiġu analizzati f’laboratorju.
Kolonoskopija u sigmojdoskopija flessibbli huma proċeduri mediċi li jużaw tubu twil, flessibbli u dejjaq b’dawl u lenti ċkejkna mnejn tista’ tara fuq naħa minnhom. It-tubu jiddaħħal fl-anus sabiex wieħed ikun jista’ jara fil-musrana tiegħek u b’hekk ikunu jistgħu jidhru bidliet ikkaġunati minn kanċer u mardiet oħrajn, bħall-polipi. Il-polipi huma tkabbir anormali ġol-musrana li f’ċerti każijiet jistgħu jiżviluppaw f’kanċer tal-musrana sakemm ma jitneħħewx. Jekk jinstabu polipi, ħafna minnhom jistgħu jitneħħew mingħajr ebda uġigħ matul l-eżami ta’ skrinjar. Il-kolonoskopija tippermetti sabiex tiġi spezzjonata l-musrana l-kbira sħiħa. Is-sigmojdoskopija flessibbli tippermetti li jsir eżami tan-nofs inferjuri biss tal-musrana l-kbira, iżda hija iktar veloċi u tista’ ssir mingħajr loppju u b’enema biss bħala tħejjija tal-musrana (jiġifieri t-tħejjija meħtieġa qabel il-viżta). Peress li s-sigmojdoskopija u l-kolonoskopija tal-iskrinjar huma proċeduri invażivi, jistgħu jinvolvu kumplikazzjonijiet serji.
Jekk l-iskrinjar bl-FOBT guiac, l-FIT, jew is-sigmojdoskopija flessibbli jsib riżultati anormali, tintbagħat għal kolonoskopija sabiex jiġi verifikat il-ġewwieni tal-musrana sħiħa għal kanċer u polipi.
Ħafna studji dwar l-effett tal-iskrinjar fl-evitar tal-imwiet minħabba l-kanċer tal-musrana saru b’nies b’saħħithom ta’ iktar minn 45–50 sena u iżgħar minn 70–75 sena. Il-metodi kollha rakkomandati ta’ skrinjar huma effettivi sabiex inaqqsu r-riskju ta’ mwiet minn kanċer tal-musrana. Fl-istudji, il-parteċipazzjoni fl-iskrinjar bl-FOBT guaiac jew l-FIT naqqset ir-riskju ta’ mwiet minħabba kanċer tal-musrana b’20–30%; il-parteċipazzjoni fi skrinjar bis-sigmojdoskopija flessibbli naqqset ir-riskju b’madwar 50%. Il-parteċipazzjoni fl-iskrinjar bil-kolonoskopija huwa stmat li jnaqqas ir-riskju ta’ mwiet minħabba l-kanċer tal-musrana b’madwar 30–65%, iżda l-evidenza għal din l-istima hija limitata.
Ir-riskju li jiżviluppa l-kanċer tal-musrana naqas fil-parteċipanti tal-istudju, b’madwar 30% għall-iskrinjar bis-sigmojdoskopija flessibbli. Fi kliem ieħor, ġew evitati 3 minn kull 10 kanċers tal-musrana f’nies li ħadu sehem fl-iskrinjar. Bil-kolonoskopija għall-iskinjar, it-tnaqqis tar-riskju huwa ta’ madwar 50–65%, iżda l-evidenza għal din l-istima hija limitata.