Iva, jista’ jkun. Jaf ikollok kanċer li ma nstabx fl-aħħar eżami ta’ skrinjar għall-kanċer tal-musrana li sarlek jew inkella minn dak iż-żmien ’l hawn żviluppalek malajr kanċer ġdid.
Ir-riskju tal-kanċer wara kolonoskopija normali huwa baxx. L-istudji ta’ riċerka jirrapportaw li madwar persuna minn kull 1,000 li jieħdu sehem fl-iskrinjar b’kolonoskopija tiżviluppa kanċer tal-musrana fi żmien 4 snin wara eżami normali. Għal skrinjar bis-sigmojdoskopija flessibbli, ir-riskju huwa ogħla għaliex is-sigmojdoskopija flessibbli teżamina biss in-nofs inferjuri tal-musrana. Ir-riskju huwa sostanzjalment ogħla għat-test tad-demm okkult fir-rawt (FOBT) jew it-test immunokimiku tar-rawt (FIT) għaliex dawn it-testijiet jaqbdu biss kanċers jew polipi li jkun ħiereġ id-demm minnhom. L-iskrinjar regolari bl-FOBT jew l-FIT huwa rakkomandat sabiex dawk il-ħafna kanċers li ma jinqabdux matul l-iskrinjar preċedenti jkunu jistgħu jinqabdu fi skrinjar iktar tard. Jekk tinnota sintomi li jissuġġerixxu kanċer tal-musrana, bħal anemija, telf tal-piż, demm fir-rawt tiegħek, jew bidla fid-drawwiet tal-bżonnijiet tiegħek, għandek tikkonsulta lit-tabib tiegħek u ma toqgħodx tistenna għall-istedina għall-iskrinjar li jmiss.