Il-benefiċċji ta’ leġiżlazzjoni effettiva dwar projbizzjonijiet fuq it-tipjip huma bosta:
- Tipproteġi lil kulħadd mill-perikli tat-tipjip passiv.
- Tibdel in-normi soċjali għaliex tagħmel it-tipjip inqas aċċettat, u b’hekk tnaqqas kemm it-tipjip kif ukoll l-esponiment għad-duħħan mit-tipjip.
- Twassal għal tnaqqis sostanzjali fl-esponiment għad-duħħan mit-tipjip passiv, tnaqqas l-inugwaljanzi fis-saħħa assoċjati mal-esponiment għad-duħħan mit-tipjip passiv fuq ix-xogħol, tikkaġuna tnaqqis immedjat fir-riskju ta’ mard tal-qalb, u ttejjeb is-sintomi respiratorji tan-nies esposti fuq ix-xogħol.
- Taffettwa tajjeb lin-negozji (ħlief l-industrija tat-tabakk) b’bosta modi, inkluż billi ttejjeb is-saħħa u l-produttività tal-impjegati u tnaqqas il-klejms mill-assigurazzjoni tas-saħħa u kontra l-perikli. Barra minn hekk, jonqsu l-ispejjeż billi jiġi evitat it-tindif tal-iskart mit-tipjip minn fuq il-post tax-xogħol, il-manutenzjoni ta’ kmamar deżinjati għat-tipjip, u tilwim potenzjali. Politiki li jipprojbixxu t-tipjip ma jwasslux għal tnaqqis fl-attivitajiet kummerċjali tar-ristoranti u l-barijiet.
- Tnaqqas il-konsum tas-sigaretti fost dawk li diġà jpejpu u tagħti lil dawk li jpejpu okkażjoni aħjar sabiex jieqfu għal kollox.
- Tnaqqas l-użu tat-tabakk fost iż-żgħażagħ.
- Twassal għal djar fejn ħadd ma jista’ jpejjep.
Jekk pajjiżek huwa parti għall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WTO), huwa obbligat bil-liġi li kull ċertu żmien jippreżenta rapporti fuq l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni min-naħa tiegħu, inkluża l-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ projbizzjoni tat-tipjip. Tista’ taqra l-aħħar rapport globali dwar il-progress tal-Konvenzjoni. Jekk għandek interess li tkun taf kif sejjer pajjiżek fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-aħjar prattiki għat-tnaqqis tad-domanda għat-tabakk, tista’ ssib informazzjoni minn pajjiżek fir-rapport tad-WHO dwar l-epidemija globali tat-tabakk.