It-teħid man-nifs tad-duħħan mit-tipjip passiv jikkaġuna l-mewt qabel iż-żmien u għadd ta’ mard. Jikkaġuna l-kanċer tal-pulmun, mard tal-qalb, u mard tan-nifs, u għandu impatt negattiv fuq ċerti kundizzjonijiet bħall-ażma. Min jaħdem f’postijiet tax-xogħol fejn in-nies għadhom ipejpu, bħal f’barijiet u ristoranti f’ċerti pajjiżi, huwa ferm espost għal tipjip passiv. Fir-Renju Unit, it-teħid man-nifs tad-duħħan mit-tipjip passiv huwa stmat li jikkawża 14–15% tal-kanċers tal-pulmun f'min ma jpejjipx. Dan il-perċentwal jaf ikun ogħla f’pajjiżi fejn il-prevalenza tal-esponiment għad-duħħan mit-tipjip passiv tkun ogħla minn dik fir-Renju Unit, pereżempju f’pajjiżi b’rati ogħla ta’ tipjip jew prevalenza ikbar ta’ tipjip id-dar. Fost il-persuni li qatt ma pejpu (f’għomorhom), dawk esposti għad-duħħan mit-tipjip passiv għandhom id-doppju tar-riskju ta’ kanċer tal-pulmun meta mqabblin ma’ dawk li mhumiex esposti għal duħħan mit-tipjip passiv.
It-tipjip inaqqas l-iżvilupp tal-fetu. Nisa tqal li jpepju s-sigaretti jwelldu trabi li jiżnu madwar 150–250 gramma inqas minn dawk ta’ nisa li ma jpejpux. Piż baxx fit-twelid huwa marbut ma’ effetti avversi ikbar fuq is-saħħa fit-trabi li jkunu għadhom kif jitwieldu. It-tipjip mill-omm huwa assoċjat ma’ riskju ikbar tas-sindromu ta’ mewt f’daqqa tat-tarbija (SIDS), u problemi akuti fit-teħid tan-nifs u l-widnejn fit-tfal.