Id-danni jew ir-riskji bħal uġigħ, fsad, u infezzjoni jistgħu jirriżultaw minn eżamijiet addizzjonali meħtieġa sabiex jiġu ċċarati riżultati anormali mit-test ta’ skrinjar, u mit-trattament tal-leżjonijiet li jinstabu bl-iskrinjar. Madwar mara minn kull 5 jew 6 li jirċievu eżamijiet addizzjonali mingħajr trattament irrapportat uġigħ jew fsad jew tnixxija fi żmien 6 ġimgħat. It-trattament jista’ jikkaġuna wkoll ansjetà, u f’ċirkustanzi rari anki twelid prematur b’piż baxx fit-twelid. Mhux il-leżjonijiet prekanċerużi kollha li jinstabu matul l-iskrinjar kienu jiżviluppaw f’kanċer li kieku tħallew bla trattament, iżda peress li mhuwiex possibbli li jitbassar liema leżjonijiet ifiequ waħedhom u liema jipprogressaw għall-kanċer, aħjar jiġu ttrattati l-leżjonijiet kollha.
Tista’ tnaqqas ir-riskju tiegħek ta’ sopradijanjożi u sopratrattament tal-leżjonijiet prekanċerużi billi biss tieħu sehem f’testijiet fi programm organizzat ta’ skrinjar, jiġifieri meta tirċievi stedina mingħand il-programm. Mhuwiex rakkomandat li tagħmel skrinjar għall-kanċer ċervikali qabel tagħlaq il-25 sena, iżda jekk tinnota xi sintomu li jħassbek, bħal fsad mhux tas-soltu mill-vaġina fi kwalunkwe età, għandek tikkonsulta lit-tabib tiegħek.
Mhuwiex rakkomandat li jintuża t-test għall-papillomavajrus uman (HPV) għall-iskrinjar għall-kanċer ċervikali barra programm organizzat għaliex l-infezzjoni spiss tmur waħedha mingħajr trattament, speċjalment f’nisa li ma għalqux it-30–35 sena. Għalhekk, l-użu ta’ dan it-test f’nisa li għadhom żgħar mhuwiex rakkomandat.