Il-kanċer ċervikali jiżviluppa f’ċerviċi tan-nisa – id-daħla għall-ġuf mill-vaġina. Għall-kuntrarju ta’ ħafna kanċers oħrajn li jaffettwaw l-iktar lil nies ikbar fl-età, kważi nofs il-każijiet tal-kanċer ċervikali jidhru bejn l-etajiet ta’ 35 u 55 sena, meta ħafna nisa jkunu involuti b’mod attiv fil-karrieri tagħhom u jieħdu ħsieb lil familthom. Fl-istati membri attwali tal-Unjoni Ewropea (UE-28), fl-2012 ġie stmat li hemm 34,000 każ ġdid u iktar minn 13,000 mewta dovuta għall-kanċer ċervikali. Ir-rati tal-kanċer ċervikali huma għoljin b’mod partikolari f’ħafna pajjiżi fil-Lvant u n-Nofsinhar li daħlu fl-Unjoni Ewropea wara l-2003, b’rati madwar għaxar u seba’ darbiet ogħla ta’ mwiet dovuti għall-kanċer ċervikali rrapportati fir-Rumanija u l-Litwanja, rispettivament, milli fil-Finlandja u Malta, il-pajjiżi fl-UE bl-inqas rati. Id-differenzi estremi jirriżultaw primarjament min-nuqqas ta’ implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni inadaegwata ta’ programmi organizzati għall-iskrinjar għall-kanċer ċervikali f’ħafna pajjiżi li dan l-aħħar daħlu fl-Unjoni Ewropea.
Kważi l-każijiet kollha tal-kanċer ċervikali huma kkaġunati mill-papillomavajrus uman (HPV). L-HPV huwa vajrus komuni ħafna li spiss jinfirex matul is-sess. Il-kanċer ċervikali spiss ma jkollu ebda sintomi fl-istadji bikrin tiegħu. Jekk għandek sintomi, l-iktar komuni huma fsad mhux tas-soltu mill-vaġina, li jista’ jseħħ wara s-sess, bejn “periods” menstruali regolari, jew wara l-menopawża.
Fsad mhux tas-soltu ma jfissirx li żgur għandek kanċer ċervikali, iżda aħjar jinvestigah tabib mill-iktar fis. Jekk it-tabib tiegħek jissuspetta li jista’ jkun li għandek kanċer ċervikali, għandek tiġi riferita sabiex tkellem speċjalist.
Jekk kanċer ċervikali jiġi dijanjostikat fi stadju bikri, normalment ikun possibbli li jiġi ttrattat b’mod effettiv bil-kirurġija.