Huwa rakkomandat li tieħu sehem fl-iskrinjar għall-kanċer ċervikali kull darba li tirċievi stedina u wara li taqra l-materjal informattiv pprovdut u tqis bir-reqqa l-benefiċċji u d-danni potenzjali tal-iskrinjar. Il-programmi ta’ skrinjar fl-Unjoni Ewropea jvarjaw skont il-gruppi ta’ etajiet mistiednin u l-intervall bejn stedina u oħra, skont l-ammont ta’ kanċer ċervikali, ir-riżorsi lokali u t-tip ta’ test ta’ skrinjar użat f’kull pajjiż.
Ħafna mill-programmi li jużaw l-ittestjar taċ-ċitoloġija (Pap) jistiednu lin-nisa sabiex jieħdu sehem fl-etajiet ta’ bejn 20 u 30 sena (normalment mhux qabel ma jkollhom 25 sena) u, wara, kull 3 jew 5 snin. Jekk l-ittestjar għall-papillomavajrus uman (HPV) jintuża għall-iskrinjar, sejra tkun mistiedna minn meta tagħlaq 35 sena (normalment mhux qabel ma tagħlaq 30 sena) u, wara, kull 5 snin jew iktar. Ikun xi jkun it-test użat, huwa rakkomandat li tkompli tieħu sehem fl-iskrinjar sakemm tagħlaq 60 jew 65 sena, u li tibqa’ tieħu sehem wara din l-età jekk l-aħħar riżultati tat-testijiet tiegħek ma jiġux normali. Jekk għandek xi mistoqsija, iddiskutiha mat-tabib tiegħek jew il-fornitur tal-kura tas-saħħa tiegħek.