Fil-verità, l-iskrinjar għall-kanċer ċervikali mhuwiex test għall-kanċer. Huwa metodu kif jiġi prevenut il-kanċer billi jiġu identifikati u ttrattati anormalitajiet bikrin li, jekk jibqgħu ma jiġux ittrattati, jistgħu jwasslu għal kanċer fiċ-ċerviċi tal-mara. Ir-riskju tal-kanċer ċervikali invażiv jonqos sa 90% għal nisa li jieħdu sehem b’mod regolari fi programmi organizzati li jużaw wieħed miż-żewġ testijiet rakkomandati għall-iskrinjar. Fi kliem ieħor, bis-saħħa tal-iskrinjar jistgħu jiġu prevenuti 9 minn kull 10 kanċers invażivi. Jekk isirlek l-iskrinjar, ir-riskju tiegħek ta’ mewt bil-kanċer ċervikali jonqos ħafna, iżda bħal metodi oħrajn ta’ skrinjar, l-iskrinjar għall-kanċer ċervikali jista’ ma jsibx ċerti anormalitajiet li xorta waħda jistgħu jwasslu għall-kanċer.
Hemm żewġ testijiet differenti li huma rakkomandati għall-iskrinjar għall-kanċer ċervikali. L-eqdem test, u l-iktar wieħed użat spiss, it-test taċ-ċitoloġija jew Pap (Papanicolaou), jinvolvi t-teħid ta’ kampjuni ta’ ċelloli mill-wiċċ taċ-ċerviċi li jintbagħtu f’laboratorju fejn jiġu eżaminati taħt mikroskopju. Test iġded, li jintuża f’ċerti programmi ta’ skrinjar, jivverifika biex jara hemmx infezzjoni bil-papillomavajrus uman (HPV), għaliex kważi l-każijiet kollha ta’ kanċer ċervikali jirriżultaw minn infezzjoni kronika bl-HPV. L-użu taż-żewġ testijiet flimkien mhuwiex rakkomandat, sakemm ma jkunx hemm test minnhom (test Pap jew test għall-HPV) li jiġi pożittiv. F’dan il-każ, it-test l-ieħor jista’ jintuża biex jiġi verifikat ir-riżultat qabel ma jsir eżami ġinekoloġiku.