L-iskrinjar jeħtieġ sforz speċjali sabiex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi għaliex uħud min-nies biss mistiedna li jieħdu sehem fl-iskrinjar għall-kanċer se jkollhom il-marda jew il-kundizzjonijiet bikrin li jistgħu jwasslu għall-kanċer. Ħafna minn dawn in-nies se jibbenefikaw mill-iskrinjar għaliex it-trattament li jinbeda qabel ma jseħħu s-sintomi jista’ jkun iktar effettiv u jikkaġuna inqas effetti sekondarji. Madankollu, ċerti kanċers li se jinqabdu ma jkunux jistgħu jitfejqu, lanqas bl-aqwa trattament, u se jinqabdu u jiġu ttrattati ċerti każijiet li jaf ma kinux jinstabu mingħajr l-iskrinjar (sopradijanjożi). Barra minn hekk, anki t-testijiet sikuri rakkomandati għall-iskrinjar mhumiex kompletament ħielsa minn kull riskju. Pereżempju, ħafna min-nies b’riżultati anormali tat-test tal-iskrinjar se jkunu jeħtieġu iktar testijiet sabiex jinstab jekk għandhomx kanċer jew prekanċer. Testijiet addizzjonali jistgħu jkunu kawża ta’ tħassib, u f’ċerti nies jaf ikun hemm bżonn li jittieħdu xi kampjuni ta’ tessuti, u dan jinvolvi r-riskji ta’ proċedura medika.

Kanċers bikrin li jinstabu fl-iskrinjar jaf ikunu iktar diffiċli wkoll biex jiġu ttrattati għal tobba b’esperjenza b’kanċer iktar avvanzat; għalhekk jaf ikun hemm bżonn ta’ taħriġ u ħiliet speċjali. Għad li r-riskju medju ta’ ħsara mill-parteċipazzjoni fl-iskrinjar għal kwalunke individwu huwa żgħir, ir-riskji ġenerali u l-ispiża għas-soċjetà jikbru minħabba n-numru kbir ta’ nies involuti.

Biex jinkiseb l-aqwa benefiċċju bl-iskrinjar bl-inqas ħsara għal kulħadd, is-servizzi pprovduti jridu jkunu tal-aħjar kwalità possibbli. Il-prinċipji ta’ gwida u l-protokolli dettaljati, l-istandards u r-rakkomandazzjonijiet fil-Linji Gwida Ewropej għall-garanzija tal-kwalità fl-iskrinjar tal-kanċer ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea jgħinu lill-programmi jilħqu din il-kwalità għolja. Il-programmi ta’ skrinjar organizzati jipprovdu l-aħjar kundizzjonijiet sabiex jiġu segwiti l-linji gwida Ewropej ta’ garanzija tal-kwalità. Garanzija tal-kwalità effettiva tiżgura li l-bilanċ bejn ir-riskju u l-benefiċċju miksub tal-iskrinjar tal-kanċer jibqa’ f’livell aċċettabbli.