Il-kemoprevenzjoni (l-użu ta’ mediċini għall-prevenzjoni tal-kanċer), ma tistax tkun rakkomandata għall-popolazzjoni ġenerali ta' individwi b’saħħithom.
Kwalunkwe kemoprevenzjoni għandha tinbeda biss wara li l-ewwel jiġi kkonsultat tabib li jista’ jissorvelja t-trattament. Huwa ferm skonsiljabbli li wieħed jaqbad u jieħu l-aspirina jew mediċini kemopreventivi potenzjali oħrajn, peress li l-użu ta’ dawn il-mediċini jista’ jkun marbut ma’ avvenimenti avversi serji u potenzjalment letali.
Għad li hemm provi tal-effett preventiv tal-aspirina kontra l-kanċer kolorettali, l-indikazzjonijiet huma limitati. It-terapija bl-aspirina, anki f’dożi baxxi, tista’ tkun assoċjata ma’ avvenimenti avversi serji, inkluż l-emorraġija gastrointestinali superjuri u (iktar rari) il-puplesija emorraġika. Barra minn hekk, għadhom ma ġewx stabbiliti l-aħjar doża u t-tul ta' żmien tat-terapija bl-aspirina għall-kemoprevenzjoni. Qabel ma jitwieġbu dawn il-mistoqsijiet, l-użu kemopreventiv tal-asprinia jew NSAIDs oħrajn għandu jkun ristrett għal pazjenti b’riskju għoli ta’ kanċer kolorettali, inklużi individwi b’kundizzjonijiet ereditarji u, forsi, pazjenti b’adenomi jew kanċer kolorettali preċedenti.