Jekk ikun possibbli, għandek tevita jew tillimita l-użu tat-terapija ormonali sostituttiva.

In-nisa li jbatu serjament minn sintomi tal-menopawża jistgħu jiddiskutu mat-tabib tagħhom jekk għandhomx jieħdu t-terapija ormonali sostituttiva. L-użu tat-terapija ormonali sostituttiva jżid ir-riskju tal-kanċers tas-sider, tal-endometriju u tal-ovarji, kif ukoll bosta effetti avversi fuq is-saħħa li mhumiex kanċer. Il-mudell ta’ riskju tal-kanċer jiddependi mit-tip ta’ terapija ormonali sostituttiva (estroġen biss jew mediċini mħalltin bejn estroġen-proġestoġen), u jekk il-mara tneħħilhiex l-utru (saritilhiex isterettomija). L-istudji wrew li r-riskju eċċessiv ta’ kanċer tas-sider assoċjat ma’ terapija menopawżali bl-estroġen kif ukoll bil-proġestoġen f’daqqa jseħħ wara ftit snin mill-kura u jibqa’ għoli għal tal-inqas ħames snin wara li titwaqqaf it-terapija bl-etroġen u l-proġestoġen, għad li r-riskju jibda jonqos ftit wara li jitwaqqaf it-trattament. B’hekk, jekk tinbeda terapija ormonali sostituttiva, it-trattament għandu jittieħed għall-iqsar żmien u bl-inqas doża possibbli sabiex jiġu kkontrollati s-sintomi tal-menopawża. It-terapija preċiża għandha tiġi diskussa mat-tabib qabel ma jinbeda t-trattament.