Bħall-kontraċettivi orali, anki t-tamoxifen anti-estroġeni fih kemm proprjetajiet li jikkaġunaw kif ukoll li jipprevjenu l-kanċer. Hemm evidenza konsistenti li l-użu tat-tamoxifen iżid ir-riskju tal-kanċer endometrijali, kemm jekk jingħata bħala terapija adjuvanti lil nisa bil-kanċer tas-sider kif ukoll bħala terapija preventiva lil nisa b’riskju għoli ta’ kanċer tas-sider.
Il-mediċini kemoterapewtiċi użati għall-kura tal-kanċer jinkludu mediċini li jistgħu jinduċu kanċer sekondarju f’pazjenti kkurati għall-kanċer primarju tagħhom. Madankollu, il-proporzjon ta’ pazjenti bil-kanċer li jirċievu benefiċċju mill-użu ta’ mediċini kemoterapewtiċi tant huwa għoli meta mqabbel ma’ dawk li jiżviluppaw kanċers sekondarji li l-użu ta’ dawn il-mediċini huwa approvat.
L-immunosuppressanti jistgħu jinduċu l-kanċer ukoll. Dawn il-mediċini normalment jintużaw għal kundizzjonijiet serji, bħal trapjanti tal-organi, mardiet emoatoloġiċi, u kundizzjonijiet immunoloġiċi, u l-benefiċċji ta’ dawn il-mediċini ġeneralment jisbqu l-effetti karċinoġeniċi tagħhom. Madankollu, deċiżjoni sabiex jingħataw bir-riċetta u jintużaw dawn il-mediċini li huma stabbiliti, jew meqjusin li għandhom probabbiltà li jitqiesu, bħala karċinoġeniċi hija iktar problematika f’ċirkustanzi li jinvolvu kundizzjonijiet li mhumiex ta’ periklu għall-ħajja u għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni bil-galbu tal-benefiċċji u r-riskji.