Kulħadd jista’ jiżviluppa l-kanċer, iżda ċerti persuni għandhom riskju ogħla minħabba fatturi komportamentali jew ambjentali (dawk li jpjepu t-tabakk, jixorbu l-alkoħol, għandhom piż żejjed jew huma obeżi, għandhom dieta mhux tajba għas-saħħa, għandhom stil ta’ ħajja sedentarja, jew huma esposti għal ċerti infezzjonijiet, radjazzjoni, jew sustanzi kimiċi li jikkawżaw il-kanċer). Ċerti persuni jitwieldu b'riskju ereditarju għoli li jiżviluppaw il-kanċer.

Il-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer jispjega dak li jistgħu jagħmlu l-individwi għalihom stess u għall-familji tagħhom biex inaqqsu r-riskju li jiżviluppaw jew li jbatu mill-kanċer. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli.

Bosta mill-fatturi li jistgħu jżidu jew inaqqsu r-riskju tal-kanċer huma magħrufa sew. Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-mard tal-kanċer, huwa impossibbli li wieħed jipprevedi fost l-individwi b’fatturi ta’ riskju simili, liema persuni se jiżviluppalhom il-kanċer u liema le.

Huwa magħruf sew li t-tipjip jikkawża l-maġġoranza l-kbira tal-każijiet ta’ kanċer fil-pulmun. Għal tipi oħra komuni ta' kanċer (eż. il-kanċer tal-musrana jew il-kanċer tas-sider), madwar nofs biss tal-każijiet jistgħu jiġu spjegati minn kawżi magħrufa, u għal xi tipi ta' kanċer (eż. il-kanċer tal-prostata), il-proporzjoni huwa saħanistra inqas.

Għalkemm tista’ tnaqqas ir-riskju ta’ żvilupp tal-kanċer, dejjem se jkun hemm xi riskju. Madwar nofs il-mard tal-kanċer jista’ jiġi evitat li kieku kulħadd isegwi r-rakkomandazzjonijiet kollha fil-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer. 

L-aktar tipi komuni ta' kanċer għandhom it-tendenza li jseħħu wara l-mezza età, iżda qatt mhu kmieni wisq jew tard wisq biex wieħed jibda jieħu azzjoni biex jipprevjeni l-kanċer. Xi rakkomandazzjonijiet japplikaw għat-tfal, biex jitnaqqas ir-riskju li jiżviluppaw il-kanċer fl-età adulta. L-adozzjoni ta’ drawwiet tajbin għas-saħħa u l-evitar ta' dawk ħżiena għas-saħħa huwa ta’ benefiċċju f’kull età.

L-iskrining jista’ jindividwa ċerti tipi ta' kanċer fi stadju bikri, meta t-trattament ikun aktar effettiv. Għal xi tipi ta’ kanċer, jeżistu wkoll stadji prekanċerużi li jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ skrining u jiġu ttrattati biex jiġi evitat l-iżvilupp tal-kanċer. Il-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer jirrakkomanda dawn il-programmi ta’ skrining billi l-effettività tagħhom hija magħrufa.

It-tilqim kontra ċerti viruses jista' jnaqqas ir-riskju ta' kanċer tal-fwied u tal-kanċer ċervikali.

L-imġiba li tipproteġi kontra l-kanċer, tipproteġi wkoll kontra l-kawżi ewlenin l-oħra ta’ mewt u diżabilità fl-Unjoni Ewropea, bħall-mard kardjovaskulari u respiratorju u d-dijabete.